Politika dwar il-privatezza

Introduzzjoni

Mill-11 ta' Diċembru 2018, l-ipproċessar ta' data personali tal-individwi min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija rregolata permezz tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018[1]. Dan ir-regolament isegwi l-istess prinċipji u regoli bħal dawk stabbiliti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data[2].

L-informazzjoni li tidher hawn taħt hi bbażata fuq l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Għaliex nipproċessaw id-data tiegħek?

Together.eu hija pjattaforma kollaborattiva online li għandha l-għan li tħeġġeġ liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet jipparteċipaw fid-demokrazija.

Il-pjattaforma hija proprjetà tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Parlament Ewropew, u ġiet żviluppata sabiex tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet biex ikollhom rwol attiv fil-ħolqien ta' futur aktar pożittiv fl-UE. Hija tippermetti liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet jinteraġixxu mal-komunità together.eu u jaqsmu azzjonijiet, attivitajiet u esperjenzi permezz ta' kontenut multimedjali bħal filmati awdjo, vidjows, stampi u test. L-utenti jistgħu jaqsmu wkoll stejjer u testimonjanzi personali, jirreġistraw azzjonijiet u avvenimenti, jissuġġerixxu u jorganizzaw avvenimenti għall-bqija tal-komunità, u jikkontribwixxu materjal promozzjonali biex jappoġġaw il-komunikazzjonijiet tal-Parlament.

Il-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali tiegħek huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-pjattaforma together.eu u l-funzjonalitajiet korrispondenti li ġejjin: 

  • l-iffaċilitar tal-proċedura ta' reġistrazzjoni u l-aċċess għall-pjattaforma together.eu;

  • il-forniment tal-informazzjoni rilevanti lill-parteċipanti dwar avvenimenti u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet organizzati mill-Parlament u l-komunità;

  • komunikazzjonijiet bħal emails, bulettini u stediniet (dan jinvolvi l-ġestjoni ta' listi ta' kuntatt bl-email), li jistgħu jinvolvu t-tfassil ta' profili sabiex tintbagħatlek informazzjoni pertinenti għall-interessi tiegħek; id-deċiżjoni li tintbagħatlek l-informazzjoni hija awtomatikament marbuta mal-preferenzi stabbiliti mill-utent; dan huwa validu għall-utenti rreġistrati kollha;

  • is-sottomissjoni, il-kondiviżjoni u l-moderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-utenti rreġistrati;

  • l-aċċess għall-fora;

  • il-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament;

  • finijiet statistiċi u analitiċi;

  • il-funzjonament u l-manutenzjoni siguri tal-pjattaforma together.eu;

  • il-promozzjoni tal-attivitajiet tal-Parlament.

Jistgħu jsiru stħarriġiet anonimizzati sabiex jiġu vvalutati l-prestazzjoni u l-attivitajiet organizzati mill-Parlament. F'dan l-istħarriġ, tinġabar biss data aggregata u anonimizzata.

X'inhi l-bażi legali tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek?

Għal skopijiet ta' komunikazzjoni u parteċipazzjoni se jintuża l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1725, li jistipula li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu jew tagħha għal fini speċifiku wieħed jew aktar.

Għall-kompetizzjonijiet online, għandu japplika l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1725, li jiddikjara li l-ipproċessar tad-data personali huwa meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti, jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt.

Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2019 [3] kif deskritt fil-minuti tal-laqgħa ordinarja tal-Bureau tas-17 ta' Ġunju 2019, fejn il-Membri tal-Parlament Ewropew enfasizzaw l-importanza li jinżamm, ukoll wara l-elezzjonijiet, in-network stabbilit ta' sħab privati u pubbliċi, u esprimew il-fehma li l-komunikazzjoni dwar il-Parlament Ewropew liċ-ċittadini trid tkun impenn kontinwu, mhux sforz iżolat li jseħħ darba kull ħames snin qabel l-elezzjonijiet.

Għal raġunijiet ta' sigurtà, l-informazzjoni personali tiegħek tiġi ttrattata skont il-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Il-kompiti relatati mal-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni istituzzjonali tal-Parlament jitwettqu fl-interess pubbliku u huma bbażati fuq il-qafas ta' eżekuzzjoni strateġika tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament.

Il-Parlament se jipproċessa d-data personali tiegħek meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti msemmija qabel, u meta applikabbli, biss jekk tkun tajt il-kunsens inekwivokabbli tiegħek għall-ipproċessar. Id-data personali tiegħek se tiġi pproċessata esklużivament għall-finijiet stabbiliti meta tkun intbagħtet.

Min hu responsabbli għall-ipproċessar tad-data tiegħek? (Kontrollur)

Il-Parlament jaġixxi bħala l-kontrollur tad-data u d-data tiegħek tiġi pproċessata taħt ir-responsabbiltà konġunta tad-Direttorat għall-Uffiċċji ta' Kollegament u d-Direttorat għall-Kampanji tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, irrappreżentat mid-Direttur għall-Uffiċċji ta' Kollegament u d-Direttur għall-Kampanji.

Għal aktar informazzjoni, tista' tikkuntattja lill-kontrolluri fuq dataprotection@together.eu.

X'data personali nipproċessaw?

L-informazzjoni miġbura tiddependi mit-tip ta' utent.

Utenti mhux reġistrati

Għall-viżitatur bażiku, l-indirizz IP tiegħu biss jista' jiġi pproċessat għal raġunijiet ta' sigurtà. Din l-informazzjoni tinżamm għal għaxart ijiem.

Utenti rreġistrati u kontribwenti

Informazzjoni obbligatorja

L-informazzjoni li ġejja hija meħtieġa biex jinħoloq kont fuq il-pjattaforma:

  • Isem u kunjom;

  • Ir-reġjun u l-pajjiż ta' residenza;

  • Id-dettalji ta' kuntatt (eż. indirizz tal-email);

  • Il-lingwa ta' preferenza

Il-Parlament iżomm rekord ukoll tar-rati tal-ftuħ tal-emails u rati oħra (jiġifieri rata ta' click-through u rata ta' bbawnsjar) għal skopijiet ta' statistika u rappurtar.

Informazzjoni fakultattiva

  • Id-dettalji ta' kuntatt (eż. in-numru tat-telefon, l-indirizz, eċċ.);

  • Ritratt tal-profil;

  • Links tal-midja soċjali, eż. Facebook, kont Twitter;

  • Preferenzi ta' komunikazzjoni futuri, inklużi preferenzi ta' abbonament u suġġetti ta' interess li għażilt li tirċievi aktar informazzjoni dwarhom;

  • L-għadd ta' utenti reklutati minn utenti oħra permezz tal-pjattaforma għal finijiet ta' statistika u rappurtar;

  • L-immaġni tiegħek (ritratti u filmati) miġbura matul l-avvenimenti.

F'xi ċirkustanzi, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqsmu informazzjoni volontarjament mal-komunità billi jissottomettu testimonjanzi, materjal awdjoviżiv u avvenimenti. F'dawn il-każijiet se jintalab kunsens addizzjonali. Dan il-kunsens ikun validu biss għal testimonjanza/materjal awdjoviżiv partikolari wieħed jew waħda li l-utent jikkondividi fuq is-sit. Rappreżentant ta' organizzazzjoni rreġistrata jista' jipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-organizzazzjoni f'termini ta' informazzjoni pubblika u kampanji potenzjali organizzati. Dan il-kontenut issuġġerit propost mill-utenti l-ewwel jiġi vvalidat mit-tim sabiex jiġi vverifikat li dan jirrispetta t-termini u l-kundizzjonijiet u l-kodiċi ta' kondotta tas-sit web.

Meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet online fuq il-midja soċjali jew kanali oħra permezz ta' din il-pjattaforma, jistgħu jiġu involuti passi addizzjonali li jirrikjedu l-ipproċessar ta' data personali addizzjonali (informazzjoni dwar il-passaport u/jew kont bankarju). Is-suġġett tad-data se jkun infurmat b'mod ċar bit-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi.

L-Organizzazzjoni rreġistrata

Minbarra d-data miġbura bħala utent irreġistrat, ir-rappreżentant ta' organizzazzjoni rreġistrata jista' jintalab jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

  • It-tip ta' kariga u l-qasam tax-xogħol fi ħdan l-organizzazzjoni għal dawk l-utenti li jirreġistraw bħala rappreżentanti ta' organizzazzjoni.

Amministraturi

  • Indirizz tal-email

Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-membri tal-persunal tal-Parlament u kuntratturi responsabbli biex iwettqu l-operazzjoni ta' pproċessar skont il-prinċipju tal-"ħtieġa ta' tagħrif". Dawn l-impjegati jirrispettaw ftehimiet statutorji, u meta meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta' kunfidenzjalità.

Il-persunal awtorizzat tas-servizzi tal-Parlament involuti fil-proġett together.eu għandhom aċċess għal data personali miġbura permezz ta' pjattaforma ta' interfaċċa amministrattiva apposta għall-fini tal-operat tal-proġett kif ukoll għal azzjoni ta' segwitu li tista' tkun meħtieġa għal skopijiet ta' pproċessar ulterjuri (eż. talba tas-suġġett tad-data). Huwa importanti li wieħed jinnota, madankollu, li d-data hija aċċessibbli biss fuq bażi ta' "ħtieġa ta' tagħrif", speċifikament: 

  • It-tim tal-IT tal-Parlament għandu aċċess għal data li hija strettament meħtieġa biex jingħata appoġġ tekniku u loġistiku xieraq (eż. helpdesk, ġestjoni tad-drittijiet ta' aċċess, manutenzjoni tal-pjattaforma);

  • L-amministraturi se jkollhom aċċess għad-data personali kollha pprovduta matul ir-reġistrazzjoni.

Il-Parlament ma jgħaddi l-ebda data lil partijiet oħra għajr dawn ir-riċevituri. Ma jaqsamx data personali ma' partijiet terzi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta.

Id-data tiegħek tista' tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet kompetenti biss jekk tintalab mil-liġi, jew f'każ ta' awditjar jew proċeduri ġudizzjarji, (jiġifieri l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi).

Din il-pjattaforma tista' tinkludi links għal siti web oħrajn. Peress li l-Parlament ma għandux kontroll fuq dawn is-siti, nistednuk tivverifika l-politika dwar il-privatezza ta' dawn is-siti web.

Għal kemm żmien se tinħażen id-data personali tiegħek?

Il-perjodu ta' żamma se jiddependi fuq id-data u l-profil tas-suġġett tad-data.

Utenti mhux reġistrati

Il-viżitaturi li ma jkollhomx kont u li sempliċiment jibbrawżjaw is-sit web ikollhom l-indirizz IP tagħhom miġbur għal skopijiet ta' sigurtà. Wara għaxart ijiem, il-logs li jkun fihom din id-data jitħassru.

Utenti, kontributuri u organizzazzjonijiet irreġistrati

Peress li huwa essenzjali għall-Parlament li jżomm komunikazzjoni kostanti maċ-ċittadini fit-tul, ma ġiet stabbilita l-ebda data tat-tmiem għad-data miġbura għal dawn il-profili.

Il-miżuri li ġejjin ġew stabbiliti sabiex jissaħħaħ il-kontroll fuq id-data tiegħek:

  • Perjodikament, wara kull elezzjoni Ewropea, aħna nfakkru lill-membri kollha tal-komunità (jiġifieri s-suġġetti tad-data kollha) dwar il-possibbiltà li jirtiraw il-kunsens tagħhom u jitolbu għat-tneħħija tad-data tagħhom fi kwalunkwe ħin;

  • F'kull komunikazzjoni bl-email, se ssib dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li tispjega kif tista' tneħħi d-data tiegħek mis-sistema u/jew tħassar l-abbonament mill-komunikazzjonijiet tal-email tagħna;

  • Fil-kuntest tar-reġistrazzjoni, jekk kont ma jiġix ivvalidat kif suppost fi żmien 15-il jum, id-data kollha miġbura għal dan il-kont titħassar.

Amministraturi

L-informazzjoni tinżamm sakemm l-utent ikollu bżonn aċċess għall-interfaċċa tal-amministrazzjoni.

Avvenimenti

Ir-ritratti u l-filmati meħuda bil-kunsens tas-suġġett tad-data matul avveniment se jinżammu għal perjodu ta' sena.

Kompetizzjonijiet

Fil-kuntest ta' kompetizzjoni speċifika, jekk tinġabar xi data addizzjonali, is-suġġett tad-data jiġi infurmat dwar id-data taż-żamma.

Id-data personali tiegħek tiġi kondiviża ma' pajjiż jew ma' organizzazzjoni mhux tal-UE?

Il-Parlament mhux se jaqsam id-data personali tiegħek ma' pajjiż jew organizzazzjoni mhux tal-UE.

Il-Parlament jimpenja ruħu li jipproteġi s-sigurtà tal-informazzjoni personali tiegħek. Aħna nużaw firxa sħiħa ta' teknoloġiji u proċeduri ta' sigurtà biex nipproteġu l-informazzjoni personali tiegħek minn aċċess, użu jew divulgazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni. Il-pjattaforma together.eu hija ospitata f'servizz cloud appoġġat minn Amazon Web Services (AWS). L-AWS huma kkuntrattati mill-Parlament skont proċedura interistituzzjonali ristretta, li tinkludi klawżoli differenti dwar il-protezzjoni tad-data sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali, is-servizzi tal-cloud għandhom jitwettqu esklużivament fl-UE. Is-servizzi offruti mill-kuntrattur li jistgħu jirrikjedu t-trasferiment ta' data barra miż-Żona Ekonomika Ewropea mhumiex meħtieġa u ma jintużawx għall-fini ta' together.eu.

Barra minn hekk, u minkejja l-fatt li s-servers użati għall-ħżin jinsabu fl-UE, il-kriptaġġ tad-data maħżuna fis-servers tal-cloud huwa ggarantit mill-implimentazzjoni proprja tal-kondiviżjoni tad-data tal-Parlament.

X'inhuma d-drittijiet tiegħek meta nipproċessaw id-data personali tiegħek u kif tista' teżerċitahom?

Għandek drittijiet speċifiċi bħala "suġġett tad-data" skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14 sa 25) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fir-rigward ta' din l-operazzjoni ta' pproċessar, tista' teżerċita d-drittijiet li ġejjin: 

  • id-dritt ta' aċċess għad-data personali tiegħek;

  • id-dritt li tirrettifika d-data personali tiegħek jekk din ma tkunx preċiża jew kompluta;

  • id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek;

  • fejn applikabbli, id-dritt li tirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali tiegħek;

  • id-dritt għall-portabbiltà tad-data;

  • id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek li jsir legalment skont l-Artikolu 5(1)(a);

  • jekk tajt il-kunsens tiegħek għal din l-operazzjoni ta' pproċessar, id-dritt li tirtiraha fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data, mingħajr ma taffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens qabel l-irtirar tagħha.

Is-suġġetti tad-data li jixtiequ jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 jistgħu jibagħtu email lil dataprotection@together.eu jew jibagħtu talba permezz taż-żona personali tagħhom fuq is-sit web. It-talba se tintbagħat lil dataprotection@together.eu, u se tiġi ttrattata permezz ta' sistema tal-biljetti integrata fis-soluzzjoni tas-softwer. Tim ċentrali se jittratta dawn it-talbiet u jżomm rekord tal-azzjonijiet relatati kollha.

Lil min għandek tikkuntattja jekk ikollok mistoqsija jew ilment?

L-ewwel punt ta' kuntatt tiegħek huwa dataprotection@together.eu.

Tista' tikkuntattja, fi kwalunkwe ħin, lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament (Data-Protection@europarl.europa.eu) f'każ li għandek xi tħassib u/jew ilmenti dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek.

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament jiżgura l-applikazzjoni interna tar-Regolament (UE) 2018/1725. L-indirizz tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data huwa dan:

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data
Parlament Ewropew
2, rue Alcide De Gasperi
L-1615 Il-Lussemburgu

Għandek id-dritt tressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) fi kwalunkwe ħin rigward l-ipproċessar tad-data personali tiegħek.

Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jaġixxi bħala awtorità superviżorja indipendenti u jiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jirrispettaw id-dritt tal-persuni għall-privatezza meta jipproċessaw id-data personali tagħhom.


[1] Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data.

[2] Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data.

[3] Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar ir-regoli ta' implimentazzjoni relatati mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-Istituzzjonijiet, Korpi, Uffiċċji u Aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data.