flimkien.eu: Id-demokrazija tagħmilna dak li aħna
X’inhu flimkien.eu?
Flimkien.eu huwa proġett immexxi mill-Parlament Ewropew, maħsub biex iħeġġeġ kemm jista’ jkun nies biex jinvolvu ruħhom fil-ħajja demokratika tal-Ewropa u, b’mod partikolari, biex iħeġġeġ lin-nies joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej fl-2024.
Aħna komunità ta’ nies li jemmnu fid-demokrazija u li jridu jagħtuha tifsira reali hekk kif joqorbu l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss. Għaliex hi importanti, u fuq kollox, għaliex għandha tkun importanti għalik?
- id-demokrazija tagħmilna dak li aħna. Magħha ġġib il-paċi, il-libertà u kwalità ta’ ħajja tajba għaċ-ċittadini Ewropej. Hija tibda kull fejn tkun int, ikun xi jkun il-mument meta tiddeċiedi li tbiddel xi ħaġa li hi importanti għalik, sew jekk tkun kbira sew jekk tkun żgħira, ngħidu aħna meta tiffirma petizzjoni, tieħu sehem f’avveniment jew teżerċita d-dritt li tivvota.
- imma d-demokrazija tibqa’ dejjem xogħol li ma jispiċċa qatt. Faċli ninsew li d-demokrazija hija magħmula minn individwi. Aktar ma nkunu li naħdmu flimkien fuqha, u aktar ma nkunu li nivvutaw, aktar tissaħħaħ id-demokrazija. Dejjem jibqa’ lok għal titjib. Il-proġett tal-Unjoni Ewropea dejjem kien u għadu jinbena kontinwament. L-istess jgħodd għad-demokrazija.
- flimkien, nimxu ’l quddiem. Id-demokrazija Ewropea hija valur fundamentali komuni għal kull wieħed u waħda minna, ikunu xi jkunu l-affiljazzjoni jew l-opinjonijiet politiċi tagħna. Huwa ħafna aktar faċli li nappoġġjawha flimkien milli nieħdu azzjoni għal rasna. Illum, għexieren ta’ eluf ta’ nies qed jingħaqdu magħna minn madwar l-UE kollha, lesti jsemmgħu leħinhom u jieħdu azzjoni biex jiżguraw li naħdmu ħalli nsaħħu dan il-valur fundamentali li jirfed l-istil ta’ ħajja tagħna fl-Ewropa.
Għal min hu flimkien.eu?
flimkien.eu huwa għal kull min irid jiddefendi d-demokrazija fl-Ewropa billi jgħin biex iħeġġeġ lin-nies joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Huwa komunità ta’ ċittadini individwali minn kull rokna tal-UE, iżda organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew networks taż-żgħażagħ ta’ kull tip jirreġistraw ukoll bħala sħab u sostenituri għall-istess kawża.
flimkien.eu jagħti s-setgħa lis-sostenituri kollha tad-demokrazija Ewropea billi jagħmilhom aktar b’saħħithom u aktar kunfidenti biex isemmgħu leħinhom, jaqsmu l-valuri tagħhom u jieħdu azzjoni, bis-saħħa tal-forza ta’ komunità. Fostna nilqgħu lil volontiera ta’ kull età u minn kull sfond, kif ukoll gruppi jew organizzazzjonijiet. Tkun fejn tkun, tagħmel x’tagħmel, ikunu xi jkunu l-kawża jew il-konvinzjonijiet tiegħek, kulma nitolbuk hu li jkollok l-istess impenn tagħna favur id-demokrazija.
X’nagħmlu aħna – u x’tista’ tagħmel int?
Se tiltaqa’ ma’ Ewropej li jifhmuha bħalek, tibni kuntatt magħhom u titgħallem dwar l-ideat u l-proġetti tagħhom. Se naqsmu l-għarfien tagħna u ngħinuk tiżviluppa l-ħiliet tiegħek: tuża l-vuċi tiegħek, tesprimi l-ideat tiegħek għall-futur u tikkollabora ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi fl-Ewropa. Se ngħinuk tiskopri persuni, gruppi u organizzazzjonijiet li jinteressaw ruħhom fl-istess affarijiet li huma importanti għalik. Se jkollok konnessjoni unika mal-Parlament Ewropew u tkun tista’ tidħol f’kuntatt mat-timijiet tiegħu fl-Ewropa kollha. Fl-aħħar nett, se niċċelebraw is-suċċessi kollettivi tiegħek u tagħna. Flimkien.
Dan kif se nagħmluh?
Is-sit web flimkien.eu huwa l-punt ċentrali għall-attivitajiet kollha tagħna u tiegħek biex nippromwovu d-demokrazija u l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Il-messaġġi regolari permezz tal-email joffru ideat konkreti dwar avvenimenti li tista’ torganizza, azzjoni li tista’ tieħu u ideat li tkun tista’ taqsam ma’ ħaddieħor. Nagħtu l-għodda neċessarja lil kulħadd biex jieħu sehem f’avvenimenti, jorganizza l-avvenimenti tiegħu stess u, imbagħad, jaqsam l-istejjer ta’ suċċess tiegħu mal-komunità. Għal min jixtieq jinvolvi ruħu aktar, it-timijiet tagħna fl-Ewropa kollha, l-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew, se jikkuntattjawk u joffrulek taħriġ u appoġġ ħalli tkun tista’ tikseb l-akbar effett multiplikatur possibbli. Fuq is-sit web se jkollok aċċess dirett għall-materjal ta’ kampanja u ta’ komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew u dan tkun tista’ tniżżlu u tużah fl-attivitajiet tiegħek. Fl-istess ħin, tista’ taqsam il-kontributi u l-materjal tiegħek ma’ oħrajn biex jitgħallmu minnu.